Il-Wasla tat-Transmitter Ġdid għal Radju Marija

Wara stennija pjuttost twila, u vjaġġ bil-baħar mill-Italja, wasal ġewwa t-Torri tal-Għargħur it-transmitter il-ġdid ta’ Radju Marija. Kif jidher fir-ritratti, ma kinetx ħaġa faċli li jsir dan, għaliex il-kaxxa li kien go fiha l-apparat kollu kienet kbira ħafna, tant li t-trakk li kellu jwassal din il-kaxxa ma kienx jgħaddi mit-toroq dojoq li hemm fid-direzzjoni tat-torri. Għalhekk kellu jintuża fork lifter biex iġorr din l-kaxxa fil-post. Kien fadal problema oħra. Dan l-apparat kellu bżonn jitla’ fil-kamra allokata lil Radju Marija fil-kumpless tat-torri li tinsab sular għoli. Ovvjament mhux daqshekk sempliċi li taqbad l-apparat u jitla’ bl-idejn, għax qed nitkellmu fuq madwar tlett mitt kilo ta’ piż. Għalhekk apparti li kellna nidħlu għal spiża żejda tal-fork lifter biex jasal fit-torri, kellna ukoll inġibu crane biex itella’ l-apparat fil-kamra.

Wara dan kollu, l-aħbar it-tajba hija li l-apparat issa jinsab postu. Fadal ftit xogħol ieħor fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-kamra stess, biex hekk inkunu f’pożizzjoni li noffru servizz aħjar lis-semmiegħa numerużi ta’ Radju Marija fuq il-frekwenża 102.3 FM.

Ritratti – Il-Wasla tat-Transmitter Ġdid għal Radju Marija

Share This On